Raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena minn Tas-Sliema jinsab f’qagħda kritika wara li kien involut f’inċident li seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra u nofs fi Triq il-Mina ta’ Hompesch f’Ħaż-Żabbar.
Jirriżulta li r-raġel kien qed iħott xi rombli minn fuq vann, meta għal xi raġuni, il-vann inqaleb u laqat lir-raġel.
ONE News kien l-ewwel fuq il-post, fejn tkellem ma’ xi ħaddiema li kienu jafu lir-raġel. Qalulna li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol volontarju biex iwassal u jħott xi rombli tat-terf lis-sorijiet fil-kunvent biex jagħmlu grawnd għat-tfal.
Qalulna wkoll li din mhix l-ewwel darba li huma wettqu xogħol volontarju f’dan il-kunvent biex jgħinu lis-sorijiet f’ċertu xogħol manwali.
Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, inkluż it-tabib tal-Emerġenza, waqt li ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku, u t-traffiku ġie ddirezzjonat bl-assistenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta.