Raġel ta’ 49 sena residenti ż-Żejtun weġġa’ gravi wara li nqabad bejn żewġ trakkijiet.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu f’sit fi Sqaq Ħabel Żwejra, in-Naxxar.
Stħarriġ preliminari rriżulta li l-inċident seħħ wara li trakk tat-tip DAF iċċaqlaq bil-konsegwenza li l-vittma nqabad bejnu u trakk ieħor.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lir-raġel l-isptar, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.