Raġel weġġa’ b’mod gravi wara li ġie migdum minn wieħed minn żewġt iklieb tiegħu stess, waqt li mar biex iferraqhom meta dawn għamlu għal xulxin għall-ħabta tal-10:00 ta’ dalgħodu.
Il-Pulizija, li marret minnufih fuq il-post wara li ntalbet l-assistenza tagħha fi Triq il-Frejgatina, f’San Pawl il-Baħar, sabet li wieħed mill-klieb kien attakka lil sidu.
Wara, dan ħarab minn fuq il-post u beda jagħmel għal persuni oħrajn li nzertaw fiż-żona. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kienet kostretta tispara fuq il-kelb, li beda jaġixxi b’mod perikoluż ħafna.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti lir-raġel, li wkoll ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrab.
Sadanittant intalbet ukoll l-assistenza tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.