Raġel ta’ 40 sena jweġġa’ gravi wara li safa aggredit minn raġel u allegatament qala’ daqqa ta’ tazza.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija fi Triq ix-Xtut, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru mill-ewwel fuq il-post iżda l-vittma ma nstabitx.
Ftit wara, il-Pulizija ġiet infurmata li l-vittma kienet qiegħda tieħu l-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar attenzjoni medika.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.