Raġel weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fiż-Żurrieq.
L-inċident seħħ illum għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq il-Wied.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mitsubishi Colt misjuqa minn raġel ta’ 32 sena residenti ż-Żurrieq u trakk Iveco misjuq minn raġel ta’ 22 sena residenti r-Rabat.
Is-sewwieq tal- Mitsubishi ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.