Raġel ta’ 59 sena li jgħix Ħal Tarxien weġġa’ gravi wara li allegatament seħħ argument ma’ żewġt irġiel oħra, li għandhom 34 u 43 sena rispettivament, fis-Siġġiewi.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9 ta’ dalgħodu, fi Triq Dun Anton Vella fis-Siġġiewi.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li mill-ewwel investigazzjonijiet tagħha rriżulta li seħħ argument bejn tliet persuni.
Ir-raġel minn Ħal Tarxien ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Dan filwaqt li ż-żewġt irġiel l-oħra ttieħdu fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa u ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Huma qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.