Raġel ta’ wieħed u ħamsin sena miż-Żebbuġ Għawdex ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li sofra xi ġrieħi f’razzett fi Triq Selmun, fil-Mellieħa.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra u kwart, meta sploda generator u kien hemm raġel li sofra minn xi ħruq ikkawżat minn fuel li ħareġ mill-istess generator.
Fuq il-post assistew membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li neħħew xi ċilindri tal-gass mill-kamra.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku li wasal f’ambulanza, u ttieħed l-isptar għal aktar kura, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.