Raġel ta’ ħamsin sena mir-Rabat, Għawdex, sofra ġrieħi serji wara li waqa’ minn fuq sellum, waqt li kien qiegħed jagħmel xi tiswijiet f’fabbrika.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaħxija, fi Triq Jean De La Valette, fix-Xewkija.
Hu ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech ġiet informata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għadhom għaddejjin.