Raġel ta’ 63 sena mill-Gudja, qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-3:45 ta’ waranofsinhar fi Triq Dawret il-Gudja, fil-Gudja.
Minn investigazzjoni li saret irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza tat-tip Honda Fit li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 42 sena mill-Fgura u mutur tat-tip Hsun HS li kien qed jinstaq mir-raġel ta’ 63 sena.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna ta’ tim mediku li ħa lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura, fejn aktar tard, is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.