Raġel mill-Kamerun ta’ 31 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ gravi persuna oħra wara ħabta bejn żewġ karozzi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Ġimgħa daħal rapport li kien hemm argument bejn żewġ persuni.
Huma marru fuq il-post fejn irriżulta li kien hemm ħabta bejn żewġ karozzi, fejn huwa allegatament ma riedx jiffirma l-formola tal-ħabta, waqt li sar vjolenti u weġġa’ gravi lill-persuna l-oħra.
Hawnhekk irriżulta li l-allegat vittma f’dan l-argument kien uffiċjal tal-Pulizija, li ma kienx xogħol.
Intqal li raġel li kien miexi bil-kelb fit-triq mar iferraq liż-żewġ persuna, bil-kelb gidem lill-allegat vittma wkoll.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, fejn ġie spjegat li ilu jgħix f’pajjiżna, waqt li għandu familja hawnhekk. Intqal li kkopera mal-Pulizija matul il-każ.
Il-Prosekuzzjoni ma qablitx minħabba li għad hemm xhieda li għad trid tinstema.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.