Saleh Zedan ta’ 26 sena mis-Sirja, residenti l-Ħamrun, tressaq il-Qorti akkużat li kien involut fi ġlieda f’Ħal Tarxien nhar l-Erbgħa filgħaxija.
Huwa tressaq il-Qorti akkużat li qiegħed il-ħajja fil-periklu ta’ Naser Abdullah f’argument li kellhom. Huwa kien akkużat ukoll li kiser l-ordni pubblika.L-akkużat kien ma sħabu f’residenza f’Ħal Tarxien, meta l-vittma mar għandhom flimkien ma grupp ta’ irġiel oħra.
Ir-raġel jagħmel xogħol ta’ kisi u ilu joqgħod mal-familja tiegħu Malta għal dawn l-aħħar sitt snin.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Maġistrat Monica Vella taċċetta, bil-kundizzjoni li ma jiksirx l-ordnijiet li ingħata mill-Qorti, fosthom li ma jaffaċċjax lix-xhieda, lil dawk li kellu l-argument magħhom, u lill-vittma. Fl-istess ħin, irid jiffirma fl-Għassa tal-Ħamrun, u ma jistax isiefer.
Huwa ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000, b’garanzija personali ta’ €5,000.