Raġel tilef ħajtu wara li waqa’ żewġ sulari mill-gallarija tar-residenza tiegħu fin-Naxxar.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tal-11:30 fi Triq is-Sikka, Naxxar.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel ta’ 64 sena residenti Naxxar għal xi raġuni żelaq waqt li kien qiegħed fil-gallarija tar-residenza tiegħu, u waqa’ madwar żewġ sulari għoli.
Fuq il-post issejħet ambulanza mill-Isptar Mater Dei sabiex jassistu lill-vittma. Huwa kien iċċertifikat mejjet ġewwa l-Isptar ftit ħin wara li wasal.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. S Grech LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.