Raġel ta’ 65 sena minn Ħaż-Żebbuġ tilef ħajtu wara li waqa’ għoli ta’ żewġ sulari f’parkeġġ tal-istabbiliment Daniels, fil-Ħamrun.
L-inċident traġiku seħħ għall-ħabta tat-08:00 tat-Tlieta filgħodu meta l-vittma kien qed jagħmel xi xogħol fl-istess stabbiliment, li jinsab fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.
Kelliem għall-Pulizja qal li r-raġel kien qed iġorr xi affarijiet u kien miexi b’lura meta tfixxkel u waqa żewġ sulari ‘l isfel fil-parkeġġ tal-istess stabiliment.
Fuq il-post issejħet ambulanza u tim mediku minn Mater Dei biex jagħtu l-għajnuna lill-vittma, iżda dan kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta li infetħet. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.