Raġel ta’ madwar 50 sena li jgħix Ħaż-Żabbar tilef ħajtu wara li nstab mitluf minn sensih waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fiż-Zejtun.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu, meta l-ħaddiem kien qed jagħmel xi xogħol fuq faċċata ta’ dar u nstab mitluf minn sensih minn ħaddiem ieħor.

Il-Pulizija qalulna li x’aktarx, ir-raġel miet mewta naturali iżda nfetħet Inkjesta Maġisterjali biex tistabilixxi eżatt x’ikkawża l-mewt tar-raġel.
Fuq il-post hemm Pulizija, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anki t-tabib tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri.
Hemm ukoll ħaddiema tal-Enemalta peress li kien hemm xi wajers fil-post fejn kien qed isir ix-xogħol, biex jistabilixxu jekk setax miet kawża ta’ xokk.

Sfortunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.