Jinqabad is-suspettat li allegatament qatel raġel ta’ 27 sena mir-Rabat inqatel wara sparatura li seħħet fir-Rabat.
Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 15:30 fi Triq il-Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret.
Il-Kelliem tal-Korp tal-Pulizija Brandon Pisani spjega kif il-qtil seħħ wara argument li r-raġel kellu ma’ raġel ieħor u li wassal biex jiġu sparati żewġ tiri b’arma tan-nar.
Mal-ewwel fuq il-post assistew uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku. Assista wkoll it-tabib tal-Emerġenza Jonathan Joslin li ċċertifika r-raġel mejjet fuq il-post.
Is-sorsi ta’ ONE News spjegaw kif mal-wasla tat-tim mediku u tat-tabib tal-Emerġenza fuq ix-xena tal-qtil, ir-raġel kien diġà mejjet. Fuq il-post hemm ukoll is-Supretendent Keith Arnaud mill-iskwadra tal-omiċidji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, tim forensiku mmexxi mit-Tabib Forensiku Mario Scerri u anke l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta.
Il-Kelliem tal-Korp tal-Pulizija spjega wkoll li mal-mument li seħħet l-isparatura bdiet it-tfittxija għall-aggressur mill-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit.
Aktar dettalji malli jaslulna.