Raġel ġie lliberat minn akkuża ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ mara fil-Belt, wara li l-Qorti ddubitat il-verżjoni tagħha ta’ kif seħħ il-każ, fosthom li damet sitt ijiem biex tagħmel rapport.
Il-każ kien kontra Christopher Ellul, li kien akkużat li żamm lill-mara kontra l-volontà tagħha u li ffastidjaha sesswalment billi wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tagħha.
L-allegat każ seħħ fit-tnax ta’ Novembru tal-2018, meta ż-żewġ partijiet iltaqgħu ħdejn il-Ġnien tal-Barrakka t’Isfel.
Il-vittma allegat li r-raġel, li kien ħabib tal-eks sieħeb tagħha, iltaqa’ magħha l-Belt u baqa’ jinsisti li ma kellhiex tmur id-dar.
Hija qalet li r-raġel qabadha mill-handbag u sabbatha mas-swar, fejn qabadha minn taħt l-irkoppa, messilha l-warrani u pprova jbusha.
Fil-Qorti ħareġ li l-mara ċemplet lill-akkużat u saqsietu biex jiltaqa’ magħha mal-lejl biex ikunu jistgħu jsegwu lill-eks sieħeb tagħha flimkien.
Il-Maġistrat qalet lill-Qorti li ma tinsabx konvinta mill-verżjoni tal-vittma dwar l-allegat abbuż, anki għaliex il-mara damet sitt ijiem qabel m’għamlet rapport l-għassa.
Apparti dan, il-Prosekuzzjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tipprova l-każ, fosthom lanqas filmat minn kameras tas-sigurtà li seta’ jipprova dak li ġara.
Qalet ukoll li l-mara ma qalitx il-verità meta mistoqsija jekk qattx ikkomunikat mal-akkużat.
Il-Qorti ddikjarat li l-akkużat ta verżjoni aktar kredibbli ta’ x’ġara u lliberatu minn kull akkuża.