Joseph Zammit ta’ 52 sena, u li hu Gwardjan tal-Ħabs, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li stupra tfajla ta’ 15-il sena u abbuża sesswalment tfajla oħra tal-istess età. Huwa ġie mixli li wettaq dawn l-abbużi bejn Lulju u Ottubru li għadda, waqt li t-tfajliet kienu arrestati fil-ħabs tal-Imtaħleb magħruf bħala l-YOURS.
Zammit, li hu minn Ħal Kirkop, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, foshtom li ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla ta’ 15-il sena, u li ffastidja lil tfajla oħra meta kien fdat biex jieħu ħsiebhom u jedukahom. Huwa ġie mixli wkoll li bħala uffiċjal pubbliku wettaq reat meta suppost kellu jara li dan ma jsirx.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, għax sostniet li l-akkużi huma serji ħafna. Qalet li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-akkużat jista’ jagħmel kuntatt max-xhieda, li prinċiparjament huma l-kollegi tiegħu, gwardjani tal-ħabs.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Audrey Demicoli ma laqgħetx it-talba tad-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono għall-ħelsien mill-arrest, u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Dan sabiex jiġi assigurat li ma jagħmel l-ebda kuntatt ma’ gwardjani oħra li għad jistgħu jintalbu jixhdu f’dan il-każ.
Matul is-seduta tal-Ħamis filgħodu, li damet biss ftit minuti, kien hemm jakkumpanjawh membri tal-familja tiegħu. L-akkużat deher pjuttost kalm, liebes ilbies pulit, u rrisponda għal kull ma staqsiet il-Qorti.