Raġel ta’ 59 sena minn Raħal Ġdid jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn għoli f’Wied il-Għajn.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.15 tal-Ħamis filgħaxija fi Triq Ġebel Ħanxul, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li r-raġel waqa’ minn għoli ta’ madwar sular minn gallarija.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.