Tork ta’ 43 sena li jgħix Birkirkara jinsab fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ f’sit tal-kostruzzjoni fis-Siġġiewi t-Tlieta filgħodu. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8.00 am fi Triq Ħal Farruġ, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li r-raġel waqa’ minn fuq struttura tal-ħadid.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei li ħa lir-raġel l-isptar għal aktar kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli li ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.