Indjan ta’ 33 sena u residenti San Pawl il-Baħar jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ fuq il-blat f’San Pawl il-Baħar stess.
Il-Pulizija kkonfermaw ma’ One.com.mt li ġew infurmati għall-ħabta tas-1:15, kmieni l-Ħadd filgħodu, li fuq il-blat kien għadu kif waqa’ raġel Indjan.
Fuq il-post issejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ ambulanza b’tim mediku li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei.
Ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji f’rasu.
Għal dan l-inċident infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.