Raġel min-Nepal ta’ 43 sena li jgħix l-Imsida jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku fil-Marsa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel kien qed isuq mutur, tilef il-kontroll u ħabat f’arblu.
Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-isptar.
Bl-inċident ġie informat il-Maġistrat Ian Farrugia li fetaħ inkjesta. Dan filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.