Raġel ta’ 29 sena li jgħix Ħaż-Żabbar jinsab fil-periklu tal-mewt wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum f’pixxina ta’ gym.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħaxija f’gym fi Triq Ħal Farruġ, is-Siġġiewi.
Il-Pulizija, flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei marru minnufih fuq il-post, fejn hemmhekk sabu lir-raġel mitluf minn sensih.
Huwa kien itella’ mill-pixxina minn xi nies li kienu fuq il-post kif ukoll bdew ituh l-ewwel għajnuna.
Il-vittma ttieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza għal aktar attenzjoni medika. Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.