Mark Farrugia ta’ 43 sena minn Ħad Dingli jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kmieni dalgħodu qala’ tir b’senter tal-kaċċa fl-inħawi magħrufa bħala ta’ San Ġakbu f’Ħad-Dingli.
ONE News huwa nfurmat li l-aggressur Joseph Scicluna ta’ 53 sena minn Ħad-Dingli wkoll, allegatament ħa s-senter tal-vittma waqt li kien għall-kaċċa u spara tir fid-direzzjoni tal-vittma bil-konsegwenza li kkawżalu ġrieħi serji f’rasu u sidru.
Dan seħħ wara argument li qam bejn iż-żewġt irġiel. Kien għal ħabta tas-06:30 tal-Erbgħa meta Farrugia kien għal kaċċa meta l-aggressur allegatament mar u ħebb għall-vittma bil-konsegwenza li bdew jitlewmu u ġew fl-idejn, b’ Scicluna ħa s-senter tal-kaċċa ta’ Farrugia u spara fid-direzzjoni tal-vittma.
Sorsi qalu li minkejja l-qagħda gravi kien fiha Farrugia, kienu huwa stess li qabad il-karozza u saq lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta anke jekk beda jitlef ħafna demm.
Filfatt il-Pulizija ġew infurmati bil-każ mill-istess Ċentru, u minnufih bdiet investigazzjoni intensiva, bl-aggressur jiġi arrestat quddiem id-dar tiegħu.
Farrugia ġie ċċertifikat mill-ewwel li jinsab fil-periklu tal-mewt hekk kif ittieħed fl-Isptar Mater Dei.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu li ż-żewġt irġiel kienu ilhom is-snin jitlewmu ma’ xulxin. Fost dawn kien hemm tilwim dwar artijiet u mhux eskluż li l-mottiv wara dan l-attentat ta’ qtil kienu wħud minn dawn l-kwistjonijiet.
Nifhmu li fis-sigħat li ġejjin il-Pulizija mistennija tressaq lil Scicluna l-Qorti u tixlih b’attentat ta’ qtil.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Neville Camilleri li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur James Grech mill-Iskwadra tal-Omiċidji u mill-Ispettur Wayne Camilleri mid-Distrett.