Raġel li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ dalgħodu nstab mixħut fl-art fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li qed tittratta dan il-każ bħal hit and run.
Hekk kif waslu l-Pulizija tad-Distrett fuq il-post sabu lill-vittma mixħut mal-art b’numru ta’ ġrieħi. Jidher ukoll li kien hemm xi persuni li nzertaw fuq il-post li taw xi għajnuna lir-raġel.
Tim mediku u ambulanza ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, u eventwalment ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jgħinuha.
Il-Pulizija qed titlob biex kull min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet, jgħaddiha anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri 119 jew 2122 4001.