Raġel ta’ 42 sena mill-Qrendi jinsab fil-periklu tal-mewt wara li nqabad bejn gaffa f’impjant fil-limiti tal-Magħtab, in-Naxxar.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, u l-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li kien iddaħħal raġel midrub l-isptar għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li raġel, li għandu 42 sena u joqgħod il-Qrendi, kien sofra xi ġrieħi wara li nqabad bejn gaffa, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 53 sena residenti l-Mellieħa, u makkinarju industrijali.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.