Raġel li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien qiegħed jagħmel xi xogħlijiet fil-bir u x’aktarx belgħa xi gassijiet tossiċi, bil-konsegwenza li ntilef minn sensih.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tal-ħdax u kwart ta’ filgħodu, f’għalqa fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra, fil-limiti ta’ Ħ’Attard.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post fejn flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku, bdew bil-ħidma tagħhom sabiex isalvaw lir-raġel.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni serja.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.