Raġel ta’ ħamsa u tletin sena li jgħix Ħal Kirkop jinsab fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ f’inċident tat-traffiku fil-Gudja.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, fi Triq Ħal Far.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza, li kienet misjuqa mill-vittma u trakk, misjuq minn raġel ta’ 34 sena minn Birżebbuġa.
Minn informazzjoni li għandu ONE News irriżulta li l-aċċident seħħ meta s-sewwieq ipprova jevita għodda massiċċa tal-ħadid, li waqgħet minn fuq trakk li kien qed iġorrha. Jirriżulta li din il-massa tal-ħadid isservi bħala piż tal-krejnijiet.
Membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku assistew fuq il-post tal-inċident u r-raġel ittieħed l-isptar b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Gianella Camilleri Busuttil kienet informata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.