Pollakk ta’ 44 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fuq il-baħar li kien jinvolvi wkoll tifel ta’ 12-il sena.
Fil-fatt, l-inċident seħħ il-Ħadd għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fil-Port tal-Imġarr, Għawdex, wara li raġel weġġa’ f’Kemmuna.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li Pollakk ta’ 44 sena, sofra ġrieħi waqt li hu flimkien ma’ tifel ta’ 12-il sena, qabżu flimkien minn fuq dgħajsa b’konsegwenza li ġew fuq xulxin.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn membri tal-Emergency Response and Rescue Corps u wara ttieħed lejn il-Port tal-Imġarr, fejn kien hemm ambulanza li ħaditu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Aktar tard huwa kien iċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni serja u ġie trasferit lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.