Raġel ta’ erbgħa u sittin sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku bi quad bike f’Ħal Luqa.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija fi Triq San Tumas f’Ħal Luqa.
Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari irriżulta li raġel ta’ 64 sena residenti il-Ħamrun għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-quad bike li kien qiegħed isuq. Konsegwenza t’hekk il-quad bike tat-tip Moto-Roma ATV-150S inqaleb u x-xufier sofra xi ġrieħi.
Flimkien mar-raġel kien hemm ukoll passiġġiera, tfajla ta’ 20 sena residenti l-Ħamrun, li wkoll sofriet xi ġrieħi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li t-tfajla ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Farruġia LL.D, li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.