Raġel ta’ 46 sena minn Birkirkara ddaħħal l-isptar Mater Dei fil-periklu li jitlef ħajtu wara inċident tat-traffiku l-lejl li għadda f’Birkirkara.
Il-Pulizija rrapportat li l-vittma kien passiġġier f’karozza li kienet involuta f’ħabta li seħħet għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħaxija fi Triq Dun Karm.
Il-vittma kien riekeb f’karozza tal-għamla Smart Fortwo misjuqa minn raġel ta’ 26 sena minn Birkirkara li kienet involuta f’ħabta ma’ karozza tal-għamla Renault Clio, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 25 sena minn Birżebbuġa.
Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena li kien qed isuq il-karozza li fiha kien hemm il-vittma ġarrab ġrieħi ħfief waqt li sewwieq ta’ 25 sena ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Fuq il-post kellhom jissejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex ħarġu lill-vittma mill-karozza u setgħu jieħduh l-isptar fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.