Raġel mill-Ghana ta’ 45 sena li jgħix Ħal Qormi jinsab f’qagħda kritika wara li kien involut f’argument f’dar f’Ħal Qormi.
Il-każ seħħ it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tad-9:00, meta fl-Għassa ta’ Ħal Qormi daħal raġel mimli demm u talab għall-assistenza tal-Pulizija.
Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei u l-Pulizija marru ir-residenza fi Triq il-Kanun f’Ħal Qormi fejn seħħ l-argument fejn sabu l-persuna l-oħra li kienet involuta fl-argument: raġel ieħor mill-Ghana ta’ sitta u tletin sena li wkoll jgħix Ħal Qormi.
Jirriżulta li dan weġġa’ lill-vittma b’oġġett li jaqta’ u bil-ponta fl-argumnet. Ir-raġel ta’ sitta u tletin sena ttieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ.
Aktar tard ir-raġel ta’ 45 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji, u l-allegat aggressur sofra minn ġrieħi ħfief.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.