Raġel jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara serqa minn ħanut fiż-Żurrieq.
Il-Pulizija ħabbret dan permezz ta’ stqarrija fejn spjegat li l-Ġimgħa għall-ħabtat tat-tmienja ta’ filgħaxija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa ħanut tad-deheb fi Triq Dun Ġużepp Żammit, iż-Żurrieq.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u kif waslu sabu l-bieb imsakkar iżda setgħu jaraw raġel marbut bi ġrieħi fuq ġismu. Għaldaqstant, issejjħu fuq il-post tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, fejn kisbu aċċess għal ġewwa u ambulanza ħadet ir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Mill-investigazzjoni irriżulta li żewġ persuni daħlu fil-ħanut, rabtu lir-raġel, serqu diversi oġġetti u ħarbu minn fuq il-post.
Aktar tard, il-vittma, li għandu 67 sena u joqgħod il-Fgura, ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.