Rumen ta’ erbgħa u erbgħin sena nqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’San Ġiljan.
L-omiċidju seħħ it-Tnejn għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, fi Triq Ross, meta qam argument bejn numru ta’ rġiel u wieħed minnhom safa ferut b’arma li taqta’ u bil-ponta.
L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post sakemm waslu l-Pulizija.
Tim mediku ta l-ewwel għajnuna lir-raġel u ttieħed l-isptar b’ambulanza, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News minn fuq il-post, jidher li l-argument beda ħdejn ħanut tat-tè biswit vann, imbagħad ir-raġel irnexxielu jaqsam it-triq u waqa’ ħdejn ħanut tal-pastizzi li hemm faċċata.
Fuq il-post kienu evidenti marki tad-demm, b’mod speċjali ma’ vann abjad, ma’ banketta u fuq il-bankina ħdejn il-ħanut tal-pastizzi.
Fuq ix-xena tar-reat kien hemm preżenza qawwija tal-Pulizija, fosthom anki mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri u mid-Distrett ta’ San Ġiljan.
L-investigaturi fuq il-post bdew jitkellmu ma’ tal-ħwienet ħalli jkunu jistgħu jelevaw filmati minn kameras tas-sigurtà li hemm fil-madwar, biex jifhmu kif beda u eskala l-argument.
L-uffiċjal tal-Korp, Brandon Pisani ta d-dettalji minn fuq il-post, f’dak li qed jitqies bħala t-tmien omiċidju tas-sena.
Qal, “Bħalissa għaddejja investigazzjoni f’dak li qed jiġi meqjus bħala omiċidju f’San Ġiljan. Ġejna infurmati, għall-ħabta tat-tlieta u għoxrin, li kien hawn argument fi Triq Ross bejn numru ta’ persuni. L-argument eskala fejn intużat arma li taqta’ u bil-ponta, x’aktarx sikkina ftit ’il fuq minn din it-triq, kompliet f’nofs it-triq u l-vittma spiċċa ferut hemmhekk, fejn ingħata l-ewwel assistenza medika. Minnufih ingħalqu t-toroq tal-akkwati. Numru ta’ persuni qed jiġu mfittxija, li kienu nvoluti f’dan l-argument.”
Sorsi qalu lil ONE News li l-vittma kien involut f’xi ċrieki tal-prostituzzjoni.
Intant, dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea, li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.