Raġel ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid indarab waqt sparatura li seħħet tard it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tal-23:30.
Il-każ seħħ fi Triq Burmarrad fin-Naxxar meta nqala’ argument bejn tlett irġiel u wieħed minnhom ħareġ arma tan-nar u spara tiri lejn iż-żewġ persuni l-oħra, bil-konsegwenza li l-vittma ntlaqat minn xi tiri f’sidru.
L-aggressur ħarab minn fuq il-post b’vettura.
Ambulanza li marret fuq il-post ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Il-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa, għalkemm skont informazzjoni li għandu ONE News jidher li r-raġel ma weġġax gravi.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu ma’ ONE News li qed jinżammu żewġ persuni arrestati b’rabta ma’ dan il-każ u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.