Sirjan ta’ 47 sena, li jgħix f’Raħal Ġdid, ġarrab ġrieħi f’idejh, allegatament b’ħadida għall-ponta. Dan waqt argument li seħħ għall-ħabta tal-għaxra neqsin għoxrin tal-Ħamis filgħodu, f’residenza fi Triq Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid.
ONE News kien l-ewwel fuq il-post u segwa l-operazzjoni li segwiet biex tniżżel ir-raġel mill-gallarija tar-residenza, fejn instab f’għadira demm.
Fuq il-post kien hemm il-Pulizija u tim mediku b’ambulanza li ta l-Ewwel Għajnuna lir-raġel.
L-argument seħħ f’appartament li biex tinżel minnu, hemm taraġ dejjaq, għaldaqstant intalbet l-assistenza ta’ tower ladder mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikun jista’ jitniżżel il-vittma mill-gallarija.
Minnufih bdew it-tfittxija għall-persuna l-oħra nvoluta fl-argument, li rriżulta li huwa Libjan ta’ sebgħa u tletin sena li jgħix iż-Żurrieq.
Huwa kien arrestat ftit tal-ħin wara, fl-akkwati tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.