Raġel magħruf mal-awtoritajiet għal każijiet ta’ ħasil tal-flus ġie kkundannat ħdax-il sena ħabs fost oħrajn għal sehmu fis-serqa ta’ tlettax-il miljun ewro mill-Bank of Valletta fl-2019. Dan apparti li kien involut f’serqa oħra li saret minn kriminali mill-Korea ta’ Fuq minn banek diġitali.
Ghaleb Alaumary, li għandu ċittadinanza Kanadiża u oħra Amerikana, ammetta l-akkużi miġjuba kontrih f’żewġ każijiet ta’ ħasil tal-flus, u ġie ordnat iħallas tletin miljun dollaru lura lill-vittmi.
Jihder li Alaumary u persuni oħra nvoluti f’dawn ir-reati kienu użaw emails foloz ta’ kumpaniji kbar jew anke tranżazzjonijiet minn ATMS biex jisirqu flus minn klijenti privati tal-banek, li mbagħad kienu jsarrfuhom f’muniti diġitali. Jidher ukoll li l-persuni nvoluti f’dawn ir-reati ġew magħżula minn Alaumary stess, u tahom kontijiet bankarji biex fihom imorru l-flus mir-reati.
S’issa hu magħruf li bosta kumpaniji privati, universitajiet, banek u klijenti oħra tilfu għexieren ta’ miljuni ta’ dollari minħabba din l-iskema.
Il-prosekuturi tal-każ qed jallegaw ukoll dan il-grupp ta’ hackers irnexxielu joħloq programm apposta li tul is-snin irnexxielu jisraq miljuni ta’ dollari fost oħrajn mill-kumpanja Sony Pictures Entertainment. It-tliet irġiel huma maħsuba li bħalissa qegħdin il-Korea ta’ Fuq u hu maħsub li dawn mhux se jaffaċċjaw il-ġustizzja fl-Istati Uniti għaliex il-Korea ta’ Fuq ma testradix suspettatti lejn l-Amerka.
L-attakk ta’ Frar 2019 fuq il-Bank of Valletta tmexxa mill-grupp EmpireMonkey, u banek sħaħ, sistemi diġitali u anke servizzi li l-BOV jagħti b’email ġew sospiżi, u l-kumpanija nsterqet tlettax-il miljun ewro. S’issa l-bank irkupra tliet miljun ewro mill-ġdid mill-ammont misruq.
Il-blogger Niġerjan Ramon Abbas magħruf bħala Hushpuppi ammetta l-involviment tiegħu fis-serqa tal-Bank of Valletta u oħrajn, fejn b’kollox insterqu erbgħa u għoxrin miljun dollaru minn bosta madwar id-dinja.