Manuel Camilleri li llum għandu 70 sena ilu għal dawn l-aħħar għoxrin sena jgħix bil-kundizzjoni tal-epilessija. 20 sena ilu tawh l-ewwel żewġ aċċessjonijiet u minn hemm saret id-dijanjosi. Manuel sar jaf li inċident li kellu meta kellu madwar 25 sena kien l-kawża wara l-kundizzjoni tiegħu.
Camilleri stqarr, “Tatni f’darbtejn. Għaliex biex ikollok epilesija trid ittik darbtejn. F’darba ma jgħidux jiġifieri li għandek l-epilesija qed tifhem. U minn hemm qaluli l-isptar illi kelli Epilepsy, dik kienet. Jiġifieri mill-injury indunajt. Kien waqa’ bieb ta’ garaxx fuqi jiġifieri u għamilli ħsara fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasi.”
Illum l-epilesija ta’ Manuel bħal f’70% tal-popolazzjoni hija kkontrollata kompletament permezz tal-mediċina iżda xorta waħda għad hemm il-possibilità li ttih aċċessjoni u għalhekk huwa jżomm lilu nnifsu preparat għal dak kollu li jista’ jinqala’ tant li jilbes ċappetta ma’ idejh li fiha għandha d-dettalji kollha dwaru u l-mediċina li jieħu.
Illum huwa jagħmel parti mill-Assoċjazzjoni għall-Epilesija fi ħdan il-Caritas Malta biex ixerred iżjed għarfien dwar il-kundizzjoni u jgħin lil dawk kollha li jbatu mill-kundizzjoni jew jieħdu ħsieb persuni li jbatu mill-epilesija.
Il-Professur Janet Mifsud, konsulenta tal-assoċjazzjoni spjegatilna kif l-aċċessjoni tiġri minħabba attività mhux normali tal-elettriku fil-moħħ.
Il-Professur spjegat, “Li jiġri għal ftit minuti l-moħħ, jibda jaħdem għal rasu jiġifieri, il-ġisem, naraw movimenti mhux tas-soltu fil-ġisem. Qabel konna ngħidulhom ‘Grans Mal’ li forsi wieħed jaqa’ mal-art, jagħti b’idejħ u saqajħ jew forsi joħroġ il-bżieq mil-ħalq. Hemm min jiċċassa għal ftit sekondi jew għal ftit minuti.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Frank Portelli spjega kif l-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li jitkabbar l-għarfien dwar il-kundizzjoni tal-epilesija li minnha jbatu madwar 4,000 ruħ f’pajjiżna. Spjega kif mal-laqgħat li jagħmlu lil membri huma ppublikaw ukoll toolkit dwar il-kundizzjoni.
“Ħloqna dat-toolkit jiġifieri, domna naħdmu fuqu mhux ħażin. Ma jfissirx li jekk taqra t-toolkit m’għandekx tkellem tabib ta jiġifieri, imma ikun ta’ linji gwida għal dak li jkun biex ma jippanikjax speċjalment u jgħin kemm lill-ġenituri u l-carers u anke, jien naf, pulizija.” Saħaq Portelli.
Manuel Camilleri temm jagħmel kuraġġ lil min għadu kif saritlu dijanjosi u sar jaf li jbati mill-kundizzjoni tal-epilesija u stqarr li bl-epilesija wieħed jista’ jgħix b’mod normali.
“M’għandux għalfejn bniedem joqgħod jiddejjaq għax jista’ jgħix ħajja normali… fil-mument jiġifieri qisni qass għandi idea tal-epilepsy, mhux niddejjaq li għax qed inkellimkom li forsi ttini epilepsy, jien lanqas naħseb fuqha ġieli.” Ikkonluda Camilleri.