Raġel ta’ 38 sena li għandu l-vizzju tad-droga kien akkużat quddiem il-Qorti li wettaq numru ta’ serqiet minn vetturi. L-akkużat m’ammettiex għal din l-akkuża.
Ir-raġel m’ammettiex lanqas għall-akkużi ta’ serq aggravat, li wettaq ħsara fuq proprjetà privata u li żamm għandu affarijiet misruqa.
Fil-Qorti l-Ispetturi Spiridione Zammit u Chantelle Casha qalu lill-Maġistrat li raw filmati fuq il-kamera tas-sigurtà tal-akkużat u kompliċi ieħor jisirqu l-fjuwil u oġġetti oħra minn vettura, u f’każ separat kien akkużat b’serq ta’ batteriji.
Fil-Qorti l-akkużat deher jimxi b’diffikulta kbira, minħabba li qed ibati minn sintomi marbuta man-nuqqas t’użu tad-droga, tant li l-ġimgħa li għaddiet il-prosekuzzjoni ddeċidiet li ma tressaqx lill-akkużat il-Qorti minħabba l-istat fiżiku u mentali tiegħu.
L-avukat tal-akkużat qal li mhux se jkun qed jitlob għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju iżda minflok talab biex l-akkużat jitqiegħed fil-parti forensika tal-Isptar Mater Dei.