Raġel ta’ erbgħin sena li jgħix f’Ta Sliema jinsab f’periklu tal-mewt, wara li intlaqat b’karozza fil-Furjana.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq l-Indipendenza, u mill-ewwel stħarriġ jidher li r-raġel intlaqat minn Skoda Fabia, li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ sitta u sebgħin sena li jgħix il-Gudja.
Il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.