Raġel ta’ 26 sena mill-Marsa qed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’argument fi stabbiliment fi Triq Santu Wistin San Ġiljan.
Kienu għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ dalgħodu meta l-pulizija, waqt li kienet fit-triq imsemmija innotat lir-raġel mixħut mal-art b’xi ġrieħi.
Huma sejħu għal tim mediku sabiex jieħdu lill-vittma l-Isptar Mater Dei.
Mill-investigazzjonijiet li saru irriżulta, li l-vittma kien involut f’argument waqt li kien ġo stabbiliment fl-istess triq.
il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ħatret inkjesta dwar dan il-każ.
Intant, b’rabta ma’ każ ieħor li sar ilbieraħ għall-ħabta ta’ nosilejl neqsin kwart, il-Pulizija arrestat Pollakk ta’ 36 sena li kien involut f’argument ma’ żewġ irġiel Franċiżi. Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
Il-każ seħħ ukoll Triq Santu Wistin, San Ġiljan.
Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post, fejn irriżulta li kien qam argument bejn tlett irġiel. Il-Pollakk kien leħaq telaq minn fuq il-post, iżda, l-Pulizija arrestatu ftit tal-ħin wara.
Tim mediku ta l-ewwel għajnuna u ħa liż-żewġt irġiel ta’ 61 u 58 sena l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, ir-raġel ta’ 61 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.