Tlett irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li sofrew minn ġrieħi lbieraħ f’żewġ inċidenti tat-traffiku separati lbieraħ.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. L-ewwel stħarriġ indika li l-ħabta seħħet bejn mutur misjuq minn ġuvni ta’ 19-il sena u Toyota Belta, misjuqa minn raġel ta’ wieħed u għoxrin sena.
Tim mediku ħa lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
It-tieni inċident seħħ aktar tard fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija fi Triq il-Papa, Birżebbuġa. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 27 sena kien qed isuq Land Rover Defender, meta tilef il-kontroll tal-vettura, laqat arblu tad-dawl u nqaleb.
Miegħu kien hemm ukoll raġel ta’ tletin sena u ieħor ta’ erbgħa u tletin sena.
Ix-xufier tal-Land Rover ittieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament, filwaqt li l-passiġġier ta’ tletin sena ġie ċċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata bit-tieni inċident u ħatret inkjesta.