Raġel ta’ tlieta u għoxrin sena li jgħox f’Birkirkara weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar nieqes kwart, fejn il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident u marret minnufih fuq il-post. Minn l-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u waqa’.
Jidher ukoll li waqt li huwa kien mal-art, intlaqat minn mutur ieħor, liema mutur telaq minn fuq il-post sakemm waslet il-Pulizija.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei biex jingħata l-kura, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, u għaddejja wkoll tfittxija għax-xufier tal-mutur l-ieħor li kien involut.