Ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-8:45 ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn ġo ħanut fi Triq l-Isqof Emm. Galea, iż-Żejtun.
Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u mid-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari irriżulta li raġel armat b’arma li taqta’ u bil-ponta, daħal fil-ħanut u talab lill-impjegata sabiex ittih il-flus.
Il-ħalliel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. Ħadd ma weġġa’ waqt din is-serqa.
Wara aktar stħarriġ li sar, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 34 sena li għadu qiegħed jinżamm sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni għadha għaddejja.