Investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ informazzjoni dwar traffikar ta’ droga, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 39 sena residenti Wied il-Għajn kif ukoll għas-sejba ta’ madwar kilo ta’ sustanza suspettata kokaina.
Kien dalgħodu għall-ħabta tal-ħdax u nofs meta l-Pulizija waqqfet il-vettura tiegħu fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn.
F’dan il-mument, l-allegat suspettat ħarab minn fuq il-post b’veloċità qawwija u ħabat f’vettura tal-Pulizija. Il-pulizija saqu għal warajh, iċċirkondawh u ġie arrestat.
Tfittxija fil-vettura wasslet għal sejba ta’ pakkett li fih kien hemm madwar kilo sustanza suspettata kokaina, lesta għat-traffikar. Il-pulizija għamlet tfittxija wkoll fir-residenza tar-raġel fil-Marsa fejn ġiet elevata arma tan-nar.
Id-droga misjuba, li kieku laħqet inbiegħet fis-suq, kienet tlaħħaq madwar €60,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke ġiet infurmata u ħatret inkjesta bir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.