Raġel min-Niġer inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta’ droga bil-ħsieb li tiġi ttraffikata.
Il-każ seħħ ilbieraħ, tard waranofsinhar raġel min-Niġer ġie arrestat wara li deher jarmi borża li kien fiha madwar 31 gramma droga suspettata ħaxixa tal-kannabis li kienet lesta sabiex tiġi ttraffikata. Din is-sejba kienet possibbli bis-saħħa tal-ħidma konġunta bejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u dawk mir-Rapid Intervention Unit.
Ir-raġel li għandu 33 sena, residenti fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa rema l-borża hekk kif ra l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit javviċinawh waqt li kien fil-viċinanzi tal-istess Ċentru Miftuħ.
Minn iktar stħarriġ u tfittix ulterjuri li sar, instabet ukoll madwar 24 gramma droga suspettata raża tal-kannabis li wkoll kienet lesta sabiex tiġi ttraffikata.
Ir-raġel tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr M Vella LL.D fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.