Raġel ta’ 45 sena mill-Belt Valletta kien arrestat ilbieraħ filgħaxija wara li l-Pulizija aġixxew mill-ewwel fuq rapport li kien hemm persuna li qiegħda tipprova twettaq serqa
minn residenza privata fil-Belt Valletta.
Kienu għall-ħabta tas-19:15 meta l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta kienu infurmati li hemm raġel qiegħed jipprova jisgassa bieb ta’ residenza fi Triq Sant’Anna, il-Belt Valletta.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u r-raġel x’ħin innota lill-Pulizija ħarab jiġri. Minnufih bdiet tfiitxija għalih fl-akwati, bir-raġel jinstab u jiġi arrestat fi Triq Żekka.
Saret ukoll tfittxija fil-post fejn il-Pulizija rat lir-raġel fi Triq Sant’Anna fejn hemmhekk instabu għodda li allegatament intużat biex ġie sgassat il-bieb ta’ barra tar-residenza.
Ir-raġel ittieħed fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet. Huwa mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tal-11:30 quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Natasha Galea Sciberras LL.D.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.