Grieg ta’ 29 sena li jogħqod il-Mosta kien arrestat mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara nstab fil-pussess tad-droga kannabis.
Fi stqarrija, l-Pulizija qalet kif l-Erbgħa wara nofsinhar, bl-awtoriżazzjoni tal-Maġistrat tal-Għassa, il-Pulizija segwew konsenja kkontrollata ta’ pakkett li kien għadu kemm wasal Malta minn Spanja, bis-suspett li fil-pakkett kien hemm moħbija d-droga. Il-pulizija arrestat ir-raġel minnufih hekk kif ġabar il-pakkett.
Il-pulizija qalef kif instabet madwar kilo ħaxixa tal-kannabis, moħbija f’kaxxa tal-kartun li kienet imgeżwra f’boroż tal-plastic.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia ġiet infurmata bis-sejba u ħartet diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti l-Ġimgħa taħt arrest u jkun akkużat bl-importazzjoni u pussess mhux għal użu esklussiv tiegħu tal-pjanta cannabis.