Raġel ta’ 28 sena minn San Pawl il-Baħar ġie arrestat wara li fil-pussess tiegħu nstabu numru ta’ qratas b’sustanza bajda, suspettata kokaina.
Il-każ seħħ ilbieraħ, waqt ronda li kienu qegħdin jagħmlu bil-mixi fi Triq il-Port Ruman, f’San Pawl il-Baħar, meta l-Pulizija nnotaw lir-raġel jagħmel użu minn mowbajl waqt li qiegħed isuq vettura. Hawnhekk huwa twaqqaf u nstab li ma kellux liċenzja tas-sewqan valida.
Kien hawn li r-raġel beda jaġixxi b’mod suspettuż u għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura u f’baskett instabet borża b’ammont ta’ droga, allegatament kokaina u ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ġie arrestat u qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.