Il-Pulizija kkonfermat l-arrest ta’ raġel wara li omm għamlet rapport li l-istess ġuvni pprova jaħtaf lil binha ta’ 5 snin mill-bajja tal-Għadira.
Fuq Facebook l-omm allegat li kien ilbieraħ meta t-tifel tagħha mar biex jaħsel il-barmil u l-pala tar-ramel fil-bajja tal-Għadira, ftit ‘il bogħod minn ommu, meta ġuvni ta’ nazzjonalità barranija avviċina lit-tifel tagħha u pprova jaħtfu.
L-omm spjegat kif l-istess ġuvni għatta ħalq binha, għamel ħalqu ma’ dahar it-tifel u beda jigdmu filwaqt li bl-id l-oħra allegat li beda “jbagħbsu”. L-omm allegat li kien f’dak il-mument li l-ġuvni beda jipprova jdaħħal lit-tifel fil-kamp li kellu biex jabbuża minnu.
Il-mara rringrazzjat lill-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra tal-għajnuna tagħhom kif ukoll lill-membri tal-Pulizija mit-taqsima tar-RIU.
Hi appellat lill-ġenituri kollha biex dejjem iżommu għajnejhom fuq uliedhom għax f’ħakka t’għajn jaf tiġri traġedja.