Malti ta’ madwar erbgħin sena ġie arrestat dal-lejl u ttieħed l-Isptar Mater Dei wara argument fil-Marsa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ filgħodu fi Triq is-Serkin, meta l-Pulizija rrispondew fuq talba għall-għajnuna fl-imsemmija triq u sabu argument bejn żewġt irġiel u mara.
Meta l-uffiċjali marru biex jarrestaw lir-raġel, li allegatament darab lir-raġel l-ieħor, dan irreżistihom b’qawwa u fil-fatt, ONE News huwa nfurmat li kellha tintuża l-BolaWrap u anki t-taser biex iżżomm lir-raġel milli jkun vjolenti.
Minkejja dan, kien hemm uffiċjal tal-Pulizija li ndarab ħafif waqt l-arrest.
Eventwalment, fuq il-post marret ambulanza u ħadet lir-raġel l-isptar fejn jinsab taħt arrest bil-Pulizija miegħu.
Fuq il-post assistew membri mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit u mid-Distrett tal-Ħamrun.